Għawdex

Għawdex, gżira li tasal għaliha b’25 minuta vjaġġ bil-vapur miċ-Ċirkewwa,  hi t-tieni l-akbar gżira tal-Arċipelagu Malti. B’terz tad-daqs tal-gzira ta’ Malta, Għawdex jilqa’ madwar 30,000 abitant. Il-gżira Għawdxija hi magħrufa għal baħar nadif, mixjiet fil-kampanja b’veduti pittoreski, knejjes barokki li jinsabu fil-qalba tal-irħula Għawdxin u l-binja tradizzjonali tar-razzett imxerrda fil-pajsaġġ rurali madwar il-gżira.

Il-Port tal-Imgarr

Bi żvilupp meqjus bħala suffiċjenti biex jiġġenera ekonomija sostenibbli, Għawdex hi gżira meqjusa bħala kapulavur tan-natura li ffurmat ruħha tul 7000 sena ta’ kultura b’popolazzjoni li dawret il-gzira ta’ Calypso f’dik li naraw illum.  Din il-viżjoni hi bbażata fuq il-valuri tas-sostenibilita u l-bżonn ta’ ħarsien lejn l-ambjent Għawdxi. Il-Gvern Malti fassal viżjoni, ambizzjuża imma realistika, li sas-sena 2020, il-gżira Għawdxija tinbidel f’waħda ekoloġika.

Il-viżjoni eko-Għawdex tappella għal ħafna mis-setturi f’din il-gżira u fl-istess ħin tgħaqqadhom kollha flimkien f’perspettiva u strateġija waħda.  L-erba’ pilastri ta’ din l-istrateġija jgħaqqdu flimkien l-isfidi ambjentali, l-aspirazzjonijiet ekonomiċi tan-nies, l-iżvilupp tas-Soċjetà u l-preservazzjoni tal-identità kulturali. 

Il-Wied ta' Marsalforn mill-għolja tad-Dabrani

Sa mill-bidu tal-twettiq ta’ din il-viżjoni, l-Għawdxin qed iħossuhom dejjem aktar parti minnha u qed jirrispondu tajjeb għall-inizjattivi u proposti mħejjija.  Dawn jinkludu modi ta’ kif tiġbor u taħżen l-ilma tax-xita, programm ta’ tindif fuq l-art u fil-baħar u t-twettiq ta’ viżjoni ffukata fuq enerġija rinovabbli u infrastruttura li timmira li tnaqqas l-impatt fuq in-natura. Dawn l-inizjattivi li qed jiġu implimentati qed jgħinu biex l-istil ta’ ħajja jkun wieħed aktar san filwaqt li jservi wkoll bħala attrazzjoni għat-turisti.  Dawk kollha li jżuru l-gżira Għawdxija jkunu jistgħu jammiraw s-sbuħija tal-kampanja, il-karattru uniku, l-istorja u l-kultura Għawdxija filwaqt li jesperjenzaw l-ospitalità tal-poplu Għawdxi.

Dawk kollha li jżuru din il-gżira jistgħu faċilment jaraw bdiewa jaħdmu l-art jew jiltaqgħu ma’ artiġjana oħra jaħdmu fil-ħwienet tagħhom kemm fit-triqat prinċipali kif ukoll f’irkejjen kajmana fl-inħawi karatteristiċi tal-irħula madwar il-gżira. Il-ħajja f’Għawdex hi waħda trankwilla ħlief forsi fil-belt kapitali Għawdxija fejn wieħed isib faċilitajiet moderni u bosta servizzi oħra.

Waħda mill-aktar attrazzjonijiet popolari tal-gżira Għawdxija hi tal-għadis. Dan għaliex il-baħar madwar il-gżira hu meqjus bħala uniku minħabba il-varjetà ta’ siti għall-għadis u l-kwalità tal-baħar.  F’dan l-aħħar snin, f’dawn is-siti ġew mgħarrqa vapuri biex iservu ta’ abitat għal diversi speċi ta’ ħut u biex b’hekk iservu wkoll bħala attrazzjonijiet miżjuda għall-għaddasa. Saru diversi xogħlijiet infrastrutturali biex iħajru aktar għaddasa jiġu f’din il-gżira, fosthom il-bini ta’ decompression chamber. Għadd ta’ għaddasa li żaru u reġgħu żaru l-gżira jfaħħru b’mod qawwi s-servizzi li jingħataw f’dan il-qasam f’Għawdex u b’hekk joffru esperjenza kompluta lid-dilettanti ta’ dan l-isport.   

Il-progress fil-gżira Għawdxija ma jistax jitwaqqaf imma jista’ jiġi indirizzat ħalli jħalli lil Għawdex gżira unika u awtentika.  L-iskop aħħari tal-viżjoni eko-Għawdex hu dak li itejjeb l-kwalità tal-ħajja tar-residenti Għawdxin biex din il-gżira tibqa’ waħda attraenti.  Eko-Għawdex qed jimmira għal żvilupp ekonomiku sostenibbli b’opportunitajiet ta’ xogħol b’valur miżjud u żvilupp ta’ niċeċ fil-turiżmu relatati mal-isport, saħħa, kultura u agri-turiżmu.  Eko-Għawdex għandu fiċ-ċentru tiegħu l-persuna peress li qed jaħdem biex ir-residenti ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar filwaqt li jgħin ukoll biex Għawdex ikun ta’ attrazzjoni għall-barrani biex dan iżur, jgħix u jinvesti fil-gżira.  F’din il-gżira mżejna min-natura li tinsab fiċ-ċentru tal-mediterran, it-turist għandu l-okkażjoni li jiskopri karatteristiċi uniċi f’diversi nħawi. Ibda minn irziezet restawrati u mgħammra b’faċilitajiet moderni u komdi li joffru akkomodazzjoni mill-aqwa f’inħawi rurali u pittoreski ta’ lukandi li joffru servizzi ta’ ħames stilel. Attrazzjonijiet oħra huma pprovduti mill-kuntatt man-natura li tgħaxxqek kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar, residenti dħulin, etċ. Hawn ukoll siti uniċi għal-għaddasa b’tefgħa ta’ ġebla l-bogħod minn xulxin, kċina Mediterranja li diffiċli ssib bħala, diversi siti storiċi fosthom World Heritage Site tal-Ġgantija, li hi l-eqdem struttura wieqfa fid-dinja li tmur lura 5500 sena u l-fortifikazzjonijiet taċ-Ċittadella.  Din l-esperjenza hija diffiċli, jekk mhux impossibli, li wieħed jgħix f’xi pajjiż ieħor.  

F’dawn l-aħħar żminijiet bdejna naraw turisti li qed iżuru din il-gżira għal ftit sigħat permezz tal-cruiseliners.  Dan it-tip ta’ turiżmu ġdid qiegħed ukoll idewwaq xi ftit min dak li l-gżira ta’ Calypso għandha x’toffri f’ambjent imsaħħan mix-xemx u mimli bil-karattru.

Il-pass tal-ħajja fuq il-gżira ta’ Għawdex huwa wieħed trankwill fejn il-preżent jiltaqa’ mal-passat biex b’hekk setgħu jibqgħu jirrenjaw karatteristiċi ewlenin marbuta ma’ tradizzjonijiet, serenità u trankwillità. Kieku Ulisse kellu jirritorna forsi jsibha aktar diffiċli li jerġa’ jitlaq.

Illum il-gżira ta’ Għawdex tista’ tiġi kkunsidrata bħala destinazzjoni turistika distinta għaliex hi mżejna b’dawk il-karatteristiċi speċjali li jagħmluha unika.

Għal aktar informazzjoni, ur www.visitgozo.com.

Ta' Cenc cliffs from boat