ICER

Il-Ministeru għal Għawdex qed jieħu sehem fi proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li għandu bħala għan tiegħu li jgħin lill-awtoritajiet reġjonali madwar l-Ewropa jiżviluppaw politika li tippromovi iktar żvilupp tas-settur tal-akkomodazzjoni ekoloġika u l-attrazzjoni ta’ territorji rurali għal skopijiet turistiċi.

Dan il-proġett, intitolat Innovative concept of eco-accommodation approach in rural regions: Public support policies for eco-investors (ICER), qed jiġi ffinanzjat taħt il-Programm INTERREG IVC, li jifforma parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għal finanzjament totali ta’ €1.4 miljun.  Is-sħab f’dan il-proġett huma l-awtoritajiet rurali minn Franza, is-Slovenja, Spanja, il-Fillandja, l-Ungerija, l-Irlanda u Malta.

Fost l-oħrajn, il-proġett ifittex li janalizza strateġiji għall-iżvilupp tat-turiżmu f’dawn ir-reġjuni, politika konkreta għall-iżvilupp sostenibbli, politika fuq it-tikketti tal-ikel (labelling), għodod ta’ riklamar, l-aħjar prattika f’kull reġjun, u l-politika pubblika għas-sapport tal-investiment privat.