Edukazzjoni

Kikku

L-ewwel programm edukattiv fl-iskejjel primarji ġie msejjaħ Eco-Gozo through eLearning, proġett imniedi bl-għan li jippromovi iktar il-kunċett tal-eLearning fit-tagħlim ta’ kuljum u fl-attivitajiet tat-tagħlim fl-iskola.  Inizjattiva oħra bħala parti mill-kampanja edukattiva ta’ eko-Għawdex kienet it-tqassim ta’ kalendarji b’messaġġi speċifiċi għak kull xahar marbuta mal-viżjoni eko-Għawdex, bħalma huma l-ikel san, is-saħħa, miżuri ta’ sigurtà, l-ambjent, il-kultura u t-tradizzjonijiet.

F’Mejju 2010 ħareġ Eco-Gozo: A Resource Pack for Teachers.  Dan il-pakkett ta’ riżorsi jipprovdi numru ta’ skemi ta’ lezzjonijiet għall-istudenti tal-primarja u s-sekondarja.  Tnediet ukoll Kampanja ta’ Ikel San, immirata għall-istudenti kollha tal-Form 4 fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja.

Matul is-sena 2010 l-istudenti kellhom l-opportunità li jieħdu sehem f’attivitajiet extra-kurrikulari marbuta mal-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex.  Dawn l-attivitajiet, li kienu jiffokaw fuq sport, attività fiżika u stili ta’ ħajja sana, ġew organizzati mit-Taqsima tal-Attivitajiet Speċjali fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex.  Fost l-oħrajn ġew organizzati attivitajiet għal dawk li jħobbu l-mixi fil-kampanja, sessjonijiet ta’ għawm, ċikliżmu, kaċċa għat-teżor, u, mawriet ta’ mixi fil-kampanja f’Kemmuna.  Fost attivitajiet oħra kien hemm żjajjar lir-Razzett tax-Xewkija, fejn permezz tal-Hands on Farming Programme ġie offrut programm speċjali ta’ esperjenza reali fl-ambjent tax-xogħol fl-irziezet u l-biedja.  Dan il-programm ikkordina wkoll attivitajiet ta’ żrigħ ta’ siġar f’Jum is-Siġar u fil-Jum Dinji tal-Ambjent.

Fis-27 ta’ Jannar tħabbar il-maskot il-ġdid ta’ eko-Għawdex, Kikku.  Kikku hu l-vuċi tat-tfal għal eko-Għawdex, u sa jkun fuq quddiem biex isemma’ l-ideat tat-tfal fuq kif Għawdex jista’ jsir post aħjar u isbaħ biex ngħixu fih.  Fl-okkażjoni tat-tnedija tiegħu, infetħet wirja bi tpinġijiet u riflessjonijiet tat-tfal mill-iskejjel Għawdxin.  Dawn kienu nġabru tul il-fażi tal-konsultazzjoni pubblika dwar eko-Għawdex, li fiha sar eżerċizzju estensiv flimkien mat-tfal Għawdxin permezz tal-iskejjel.

F’Marzu l-wirja ttellgħet ukoll fil-Berġa tal-Italja fil-Belt Valletta.  Fil-ftuħ tal-wirja, Kikku ltaqa’ mal-istudenti Maltin.

F’Ġunju 2011 il-Ministeru għal Għawdex u n-Nature Trust Malta ffirmaw ftehim għal koperazzjoni bejniethom fil-programm tal-eko-Skola għat-tliet snin li ġejjin.

F’Novembru tqassam lill-iskejjel Għawdxin kollha pakkett ta’ kotba u media oħra interattiva.