Proġett tal-Kunsill Lokali tal-Qala jibbenefika minn skema tal-Ministeru għal Għawdex

Qala - www.gozonews.comBħala parti mill-iskema ta’ eko-Għawdex imnedija mill-Ministeru għal Għawdex b’risq il-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi Għawdxin, il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jiffinanzja proġett li qed jiġi mwettaq mill-Kunsill Lokali tal-Qala. Dan permezz ta’ għotja ta’ €67,690 li l-Kunsill Lokali tal-Qala ser ikun qed juża biex dar antika tiġi kkonvertita f’mużew tal-folklor Għawdxi. 

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex żaret is-sit fejn ix-xogħol li għaddej jinsab fi stadju avvanzat. Hija rringrazzjat u faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Qala għall-parteċipazzjoni tiegħu f’din l-iskema u qalet li permezz tat-twaqqif ta’ dan il-mużew, din il-lokalità ser tkun qed toffri attrazzjoni turistika oħra, li mistennija tiġbed aktar turisti lejn il-lokalità tal-Qala. Il-Ministru Debono fissret kif il-Mużew tal-Folklor fil-Qala ser ikun valur miżjud għal din il-lokalità magħrufa għall-Festival Internazzjonali tal-Folklor li ilha torganizza għal dawn l-aħħar sitt snin. Żiedet tgħid li l-lokalità tal-Qala bbenefikat ukoll minn madwar €5,000 li ngħataw lill-Qala Menhir Group mill-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Għawdxin. Dan il-grupp organizza konferenza internazzjonali bit-titlu Gozo Heritage in Stone li l-għan tagħha kien li żżid l-għarfien dwar il-wirt storiku rikk tal-gżira Għawdxija. “Is-sostenn tal-qasam folkloristiku huwa wieħed mill-objettivi tal-proġett eko-Għawdex li jfittex li jikkonserva u jippromwovi l-wirt kulturali u storiku li jifforma l-identità distinta tal-gżira ta’ Għawdex”, temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

 Dan il-proġett huwa wieħed minn 13-il proġett li qed jitwettqu minn 11-il Kunsill Lokali u Kumitati Amministrattivi Għawdxin, li qed jibbenefikaw minn din l-iskema u bejniethom ser ikunu ħadu aktar minn €660,000.  Permezz ta’ żewġ skemi ta’ eko-Għawdex, waħda għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u l-oħra għall-Kunsilli Lokali jinsabu għaddejjin 51 proġett li ser ikunu qed jikkontribwixxu għal Żvilupp Sostenibbli f’Għawdex, li bejniethom qed jingħataw għajnuna li tlaħħaq madwar €2 miljuni.

Il-proġetti kollha huma marbuta mal-miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex 2010 – 2012.

17.10.2011