Naqqas u ffranka: Pariri kif tnaqqas mill-konsum tal-enerġija u ilma lil kull familja f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono ħabbret il-proġett NAQQAS u FFRANKA li l-għan tiegħu kif spjegat fil-pjan t’azzjoni ta’ eko-Għawdex, hu li jwassal f’kull dar Għawdxija pariri b’xejn dwar kif il-familji jistgħu jnaqqsu mill-konsum tal-enerġija u l-ilma waqt li jiffrankaw fil-kontijiet tagħhom.  Dawn il-pariri ser jingħataw f’kull dar f’Għawdex permezz ta’ ftehim li ntlaħaq bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli fi ħdan l-Università ta’ Malta. 

naqqas u ffranka

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għal Għawdex ħabbret id-dettalji  ta’ dan il-proġett li se jara numru ta’ uffiċjali li ġew imħarrġa apposta biex jiltaqgħu mar-residenti Għawdxin u jkellmuhom dwar il-benefiċċji marbuta mat-tnaqqis tal-enerġija, il-konservazzjoni ta l-ilma, l-użu ta’ tekonoloġija sostenibbli kif ukoll separazzjoni tal-iskart.

Se jkun l-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli (ISE) tal-Università li se jmexxi l-proġett ta’ żjajjar fid-djar kollha Għawdxin.  Matul ix-xhur li għaddew ġew imħarrġa minn dan l-istitut persuni li urew interess u li għandhom il-kwalifiċi biex iwettqu dawn iż-żjarat.  Dawn ingħataw kors intensiv u fi tmiemu poġġew għal eżami sabiex jintgħażlu l-uffiċjali għall-proġett li xogħolhom se jkun li jiltaqgħu mal-familji Għawdxin kollha fuq medda ta’ xhur.  Sadanittant qed jinħadem fuljett ta’ informazzjoni li wkoll se jitqassam fid-djar kollha Għawdxin kif jistipula l-pjan t’Azzjoni Eko Għawdex.  Dan il-fuljett se jkollu fih informazzjoni dwar il-proġett eko-Għawdex u l-importanza li l-gżira Għawdxija ssir waħda sostenibbli. Se jkollu wkoll pariri kif tnaqqas mill-konsum tal-enerġija u tal-ilma fid-djar kif ukoll tiffranka l-flus. Il-fuljett jiġbor fih ukoll informazzjoni dwar l-aħħar teknoloġija biex tuża riżorsi naturali kif ukoll dwar l-immaniġġjar tal-iskart fid-djar.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Debono qalet li kull żjara fid-djar m’għandhiex iddum aktar minn 30 minuta (massimu).  Kull uffiċjal mistenni jiddiskuti u jgħaddi l-informazzjoni b’mod prattiku, possibilment jekk jaċċetta r-resident, billi jingħataw eżempji fil-kċina jew kmamar tal-banju fejn hu stmat li jinħela l-aktar enerġija u ilma. L-uffiċjali se jkunu qed iħeġġu lir-residenti jippjanaw sistemi ġodda għall-konservazzjoni tal-ilma sabiex fil-futur ikollhom ħażna regolari ġejja mill-ilma tax-xita jew ta’ ilma tat-tieni klassi. Huma se jkunu qed iqassmu wkoll il-formoli biex familji li għadhom ma tħajrux jibbenifikaw mill-għotja tal-Gvern biex tinstalla pannelli solari jsiru jafu aktar il-benefiċċji ta’ din l-iskema. L-uffiċjali se jitkellmu wkoll dwar is-separazzjoni tal-iskart u kif dan jista’ jsir mingħajr inkonvenjent ġewwa d-dar waqt li kulħadd ikun qed jgħin l-ambjent.

Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Giovanna Debono fissret kemm l-Għawdxin qed jifhmu l-importanza tal-proġett eko-Għawdex għaliex jidher ċar li l-Gvern qed jinvesti miljuni ta’ ewro biex ibiddel lil Għawdex fi gżira ekoloġika li tkun sostenibbli. Dan, sostniet il-Ministru, qed iwassal biex l-Għawdxin jgħixu fi gżira isbaħ iżda hu wkoll iċ-ċavetta għat-tkattir ekonomiku f’Għawdex permezz ta’ aktar turisti u Maltin li jżuru ‘l Għawdex. “M’hemmx dubju li eko-Għawdex se tkun mutur ewlieni għas-suċċess tagħna fis-snin li ġejjin,” temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

 

25.11.2011