Proġett tal-Assoċjazzjoni tal-Iscouts iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex

L-Assoċjazzjoni tal-Iscouts f’Għawdex qiegħda tibbenefika minn finanzjament ta’ madwar €29,000 mill-Ministeru għal Għawdex li ser jintużaw għall-bini ta’ ġibjun tal-ilma fil-Kwartieri Ġenerali tal-Victoria Scout Group kif ukoll għax-xiri ta’ kontenituri għas-separazzjoni tal-iskart fl-istess kwartieri. Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat permezz tal-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin, marbuta mal-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex 2010 – 2012.

scoutsIl-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono żaret il-Kwartieri Ġenerali tal-Victoria Scout Group fejn iltaqgħet ma’ uffiċjali u membri ta’ dan il-grupp, filwaqt li kellha l-opportunità li tara l-andament tax-xogħol fuq il-ġibjun, li jinsab fi stadju avvanzat.  Filwaqt li faħħret il-ħidma sfieqa li jwettaq il-Victoria Scouts Group fost it-tfal u żgħażagħ f’Għawdex, il-Ministru għal Għawdex uriet is-sodisfazzjon tagħha fir-rigward ta’ din l-inizjattiva favur ħażna akbar u l-konservazzjoni tal-ilma tax-xita f’Għawdex. Żiedet tgħid li l-użu responsabbli tal-ilma huwa essenzjali fil-ħidma tal-gvern għall-futur sostenibbli li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika. Hija fakkret kif fil-ġimgħat li għaddew il-Ministeru għal Għawdex kien għaddej b’ħidma fuq programm fejn ġew imnaddfa 8 ilqugħ tal-ilma li jinsabu f’widien madwar Għawdex.

Il-Ministru Giovanna Debono qalet li bħalissa f’Għawdex jinsabu għaddejjin proġetti oħra relatati mal-ħażna tal-ilma. Dawn jinkludu l-bini ta’ 8 ġibjuni minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u Kunsilli Lokali Għawdxin permezz taż-żewġ skemi ta’ eko-Għawdex; ir-restawr ta’ ġibjuni fi proprjetajiet tal-gvern u l-bini ta’ ġibjuni ġodda f’għadd ta’ proġetti f’Għawdex.

Permezz ta’ żewġ skemi ta’ eko-Għawdex, waħda għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u l-oħra għall-Kunsilli Lokali, jinsabu għaddejjin 51 proġett li jikkontribwixxu ghal Żvilupp Sostenibbli f’Għawdex, li bejniethom qed jingħataw għajnuna li tlaħħaq madwar €2 miljuni.

09.11.2011