Imnedija l-kanzunetta ‘ma’ Kikku għal eko-Għawdex’

Messaġġi li nkitbu jew intqalu mingħand it-tfal matul iż-żmien li kienet għaddejja l-konsultazzjoni publika marbuta ma’ eko-Għawdex, inġabru flimkien u ġew komposti f’kanzunetta bit-titlu Ma’ Kikku għal Eko-Għawdex. Kif jixhed l-isem, permezz ta’ din il-kanzunetta, il-karattru Kikku flimkien mat-tfal Għawdxin iwasslu messaġġi favur l-ambjent, favur ħajja aktar sana u favur prattiċi tajbin, li jinkludu s-separazzjoni tal-iskart, użu ta’ enerġija alternattiva, proġetti ta’ afforestazzjoni u l-importanza tal-edukazzjoni primarja. 

Imnedija l-kanzunetta ‘ma’ Kikku għal eko-Għawdex’Ma’ Kikku għal Eko-Għawdex ġiet imnedija waqt attività mtellgħa ġewwa l-iskola primarja tax-Xewkija li għaliha attendiet ukoll l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. Waqt li kienet qed tindirizza lill-edukaturi u lit-tfal li mlew is-sala tal-iskola bi bnadar ikkuluruti, il-Ministru Debono fissret kif il-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli marbut ma’ eko-Għawdex, jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd inkluż it-tfal. Hija faħħret l-inizjattivi li permezz tagħhom l-iskejjel Għawdxin qegħdin jikkontribwixxu biex irawmu kuxjenza ambjentali u soċjali tajba fost it-tfal. Il-Ministru għal Għawdex żiedet tgħid li l-kanzunetta Ma’ Kikku għal Eko-Għawdex ser tkun mezz ieħor biex l-istudenti jirrelataw magħha dak kollu li jitgħallmu wara li fil-ġimgħat li għaddew ġie mniedi d-Djarju ta’ Kikku. Dan id-djarju jiġbor fih prattiċi tajbin li jipprattika Kikku fil-ħajja ta’ kuljumbil-għan li jinqraw minn studenti żgħar u  b’hekk jieħdu eżempju minnhom. Il-Ministru Giovanna  Debono ħeġġet lit-tfal preżenti biex ixerrdu dak li jgħallimhom Kikku fil-komunitajiet tagħhom u b’hekk huma wkoll ikunu parteċipi fit-twettiq tal-proġett eko-Għawdex permezz ta’ inizjattivi żgħar iżda essenzjali. ‘Dan iwassal biex ilkoll flimkien nagħmlu lil Għawdex gżira aħjar’ temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

Fil-produzzjoni tal-kanzunetta u tal-filmat awdjoviżiv ħadu sehem diversi studenti Għawdxin. Il-filmati tal-kanzunetta ttieħdu f’diversi lokalitajiet f’Għawdex fosthom fi Ġnien Villa Rundle li ser jiġi inawgurat fil-jiem li ġejjin, l-Imġarr, il-bajja tar-Ramla, Wied il-Lunzjata, il-Fanal ta’ Ġordan, ħdejn widien li tnaddfu fl-aħħar snin biex iżidu l-ħażna tal-ilma tax-xita kif ukoll f’postijiet ta’ rikreazzjoni għall-familji.  

Il-Ministru għal Għawdex ippreżentat id-DVD tal-kanzunetta kif ukoll ktieb bħala rigal lit-tfal li pparteċipaw fir-recording tal-kanzunetta kif ukoll lil rappreżentant minn kull klassi tal-iskola fejn inżammet l-attività.

L-istudenti kollha li jattendu skejjel Primarji tal-istat u anke dawk immexxija mill-Knisja f’Għawdex ser ikunu jistgħu jsegwu din il-kanzunetta u l-filmat permezz ta’ DVD’s u CD’s li ser jitqassmu fl-iskejjel rispettivi tagħhom.

Il-filmat, il-mużika u l-partitura tal-mużika huma aċċessibli mill-websajt www.ecogozo.com fis-sezzjoni ddedikata lit-tfal  fuq il-link http://www.ecogozo.com/index.php?option=com_content&view=article&id=76 .

Imnedija l-kanzunetta ‘ma’ Kikku għal eko-Għawdex’  Imnedija l-kanzunetta ‘ma’ Kikku għal eko-Għawdex’

10.05.2012