GOZO – 10 GREAT WALKS - għodda utli għat-turisti f’Għawdex

“Ir-ramblers u dawk kollha li jħobbu jimxu, issa għandhom l-opportunità li jesperjenzaw lil Għawdex minn perspettiva aktar personali. Dan permezz tal-pubblikazzjoni Gozo – 10 great walks li ser jiffaċilita wkoll il-mawriet f’inħawi rurali, fil-qalba tal-irħula u f’siti ta’ wirt storiku, li flimkien ma’ kosta nadifa jikkostittwixxu ambjent uniku madwar il-gżira.”

Gozo 10 great 10 walksDan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, meta dalgħodu ġiet ippreżentata bil-ktejjeb Gozo: 10 Great Walks mill-awturi Jonathan Henwood u Emmet McMahon li kitbu wkoll Malta: 10 Great Walks.  Il-mixjiet jinkludu l-Imġarr u l-kosta tan-nofsinhar, l-irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ u l-bajja tax-Xlendi, it-Tieqa tad-Dwejra u l-inland sea, il-kosta tal-Majjistral u l-widien, ix-Xwejni, it-Tempji Megalitiċi u l-bajja tar-Ramla, il-lokalità tan-Nadur u l-bajjiet tagħha, il-kosta tal-lvant u l-Qala u l-gżira ta’ Kemmuna. L-aħħar kapitlu jitratta mixja mal-kosta ta’ Għawdex li tgħaddi minn irdumijiet, widien, irħula, minn ħdejn monumenti antiki u bajjiet imrammla.

 Il-Ministru Giovanna Debono qalet li din l-inizjattiva hija konformi mal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex li jikseb standards ogħla ta’ sostenibbilità f’Għawdex permezz tal-proġett Eko Għawdex li jiffoka wkoll fuq swieq ta’ niċeċ speċifiċi fl-istrateġija għal turiżmu sostenibbli. Żiedet tgħid li fid-dawl tal-fatt li Għawdex qed isir aktar imfittex bħala destinazzjoni rurali, din il-pubblikazzjoni ser tirriżulta f’għodda importanti li tippromwovi lil gżira Għawdxija bħala destinazzjoni li tattira turisti li jħobbu jimxu fil-kampanja u l-kosta kif ukoll trekkers u ramblers.

 Gozo: 10 great walks jinkludi wkoll storja qasira ta’ Malta u Għawdex, tagħrif dwar siti storiċi fil-gżira, informazzjoni dwar l-arkeoloġija, il-ġeoloġija u l-pjanti u l-annimali li wieħed isib Għawdex, kif ukoll informazzjoni utli għat-turisti bħas-servizz tat-trasport bil-baħar u s-servizz tat-trasport pubbliku. Ir-rotta tal-mixjiet f’kull kapitlu hija kkumplimentata b’informazzjoni u fatti storiċi dwar il-post innifsu, dwar l-attrazzjonijiet fil-madwar kif ukoll b’aspetti prattiċi bħat-temp, is-sigurtà, il-karozzi tal-linja, u l-faċilitajiet sanitarji.

 Kull mixja tieħu madwar erba’ sigħat u tgħaddi minn pjanuri varji u siti ta’ interess li jvarjaw minn dawk storiċi u kulturali għal dawk ambjentali. Ir-rotot elenkati fil-ktejjeb permezz ta’ mapep jistgħu jiġu segwiti wkoll bl-użu tat-trasport pubbliku jew mezzi oħra minbarra bil-mixi.

Gozo walks    

27.06.2012