Aktar sostenibiltà fl-użu tal-enerġija fil-bini tal-ministeru għal Għawdex

Increased use of sustainable energy at the Ministry for Gozo

 Minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena, is-sistema ta’ pannelli fotovoltaiċi nstallata fuq il-bejt tal-Ministeru għal Għawdex, iġġenerat aktar minn 40,000 unit tal-elettriku. Dan ifisser li permezz ta’ din is-sistema, il-Ministeru għal Għawdex qed jiġġenera madwar 30 fil-mija tal-elettriku rikjest mid-diversi dipartimenti, uffiċini u sezzjonijiet li jiffunzjonaw minn ġol-bini amministrattiv tal-istess Ministeru jew daqs kemm jikkunsmaw elettriku madwar 20 familja f’sena. 

Dan huwa riżultat ta’ inizjattiva li kienet ittieħdet mill-Ministeru għal Għawdex xi snin ilu, li permezz tagħha ġew installati l-ewwel pannelli li kellhom kapaċità  li jiġġeneraw 10kWp. 

 Din kienet l-ewwel inizjattiva tax-xorta tagħha li ġiet meħuda minn entità tal-Gvern. Ġie deċiż li l-flus iffrankati mill-konsum tal-elettriku jiġu investiti f’aktar pannelli biex aktar ma jgħaddi ż-żmien tikber is-sostenibiltà fl-użu ta’ enerġija minn sorsi alternattivi. Fil-bidu ta’ din is-sena ġew installati aktar pannelli li wasslu biex is-sistema llum għandha kapaċità li tiġġenera  erba’ darbiet aktar elettriku milli kienet tiġġenera qabel.  Huwa mistenni li sal-aħħar ta’ din is-sena, is-sistema ser tkun qed tiġġenera 50% tal-elettriku kkunsmat, permezz ta’ żieda ta’ aktar pannelli li se jiġu stallati fuq il-kumplament tal-bejt tal-Ministeru fix-xhur li gejjin.

Jekk trid tara l-enerġija li qed tiġi prodotta, għafas hawn.