Il-farm tal-gvern f’Għawdex jinbidel f’ċentru ta’ riċerka agrikola b’investiment ta’ €1miljun

farmFil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija saru diversi xogħlijiet ta’ ristrutturar u mmodernizzar b’investiment ta’ madwar €1 miljun, biex b’hekk dan is-sit joffri faċilitajiet bħala Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent. Dan ix-xogħol twettaq bħala parti mill-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex skont il-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2010-2012 u jirrappreżenta wkoll it-twettieq ta’ wegħda oħra fil-programm elettorali ta’ dan il-Gvern. 

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, żaret il-post u setgħet tara  x-xogħlijiet li twettqu permezz ta’ dan il-proġett. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu xogħol estensiv ta’ titjib f’diversi siti fosthom fl-imqajel fejn jistgħu jinżammu annimali tal-irziezet, guva tal-għasafar kif ukoll spazju għat-trobbija tan-naħal.

 Ġiet ristrutturata wkoll taqsima minn fejn tiġi koordinata ħidma marbuta mal-programm tal-Hands on Farming mal-iskejjel kollha f’Għawdex. Dan il-programm qed jissarraf f’esperjenza diretta li permezz tagħha studenti mill-iskejjel primarji Għawdxin jidraw japprezzaw aktar in-natura filwaqt li jaraw u jmissu b’idejhom annimali, pjanti, siġar u ħxejjex oħra li jitgħallmu dwarhom fil-kors tal-istudji tagħhom.

 Element ewlieni f’dan il-proġett kien il-bdil ta’ serer li qed itejbu l-faċilitajiet u kabbru l-possibiltà ta’ studji dwar il-ħamrija u diversi prodotti agrikoli. Ġiet installata wkoll sistema kompjuterizzata li tipprovdi fertilizzant u tisqija li tilħaq kemm is-serer kif ukoll l-għelieqi ta’ dan is-sit li jkopri madwar 90 tomna ta’ art.  Inxtara wkoll makkinarju, apparat u attrezzaturi oħra ġodda.

 Iċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent issa huwa f’pożizzjoni aħjar biex ikompli joffri servizzi għall-bdiewa u raħħala Għawdxin minn post ċentrali. Fost dawn jinżammu korsijiet u jingħataw pariri agrikoli filwaqt li tingħata wkoll għajnuna biex l-bdiewa u r-raħħal japplikaw għal skemi għal għajnuniet finanzjarji. Jiġu organizzati wkoll laqgħat informattivi fejn fost affarijiet oħra l-parteċipanti jiġu aġġoranti bir-riżultati tal-esperimenti li jkunu qed isiru fiċ-Ċentru.

 Fost l-ewwel inizjattivi li ġew faċilitati permezz ta’ dan il-proġett, qed issir riċerka bil-kollaborazzjoni tal-Università ta’ Malta, li tinkludi sperimentar dwar l-isterilizzazzjoni tal-ħamrija b’metodi naturali mingħajr l-ebda użu ta’ kimika, kif ukoll l-irkuprar tat-trobbija tat-tiġieġa s-sewda Maltija.

 F’dan iċ-ċentru ġew imħawla wkoll aktar siġar, fosthom madwar 500 siġra u arbuxelli indiġeni bħala parti mill-proġett SIMBIOTIC, li jippromwovi r-rabta ekoloġika bejn ix-Xlokk ta’ Sqallija u Għawdex permezz ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-abitat naturali. Iz-zona fejn dan l-aħħar sar it-taħwil ser tipprovdi sit naturali li jiffaċilità l-istudji f’ambjent naturali protett.

 Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif ix-xogħol li sar jixhed l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex fit-twettieq ta’ programm ta’ ħidma li jolqot diversi setturi soċjo ekonomiċi f’Għawdex. Żiedet tfisser kif minbarra li jkompli jtejjeb il-faċilitajiet u s-servizzi li jingħataw lil bdiewa u r-raħħala Għawdxin, dan il-proġett ser ikompli jagħti wkoll sostenn u għajnuna biex is-settur agrikolu f’Għawdex jibqa’ jissaħħaħ. Iċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent għandu l-għan li jippromwovi prattiċi agrikoli li jirrispettaw is-saħħa u l-ambjent filwaqt li jintroduċi sistemi ġodda fil-qasam agrikolu f’Għawdex, liema qasam għandu importanza kbira fil-preservazzjoni tal-ambjent rurali ta’ Għawdex u l-kontribut ekonomiku fis-settur. ‘Kien għalhekk li ankè f’din il-leġiżlatura wettaqna wkoll proġetti oħra fosthom il-bini ta’ biċċerija ġdida, li l-ambjenti tagħha joffru l-faċilitajiet għar-raħħala filwaqt li huma konformi ma’ standards internazzjonali għal benefiċċju tal-konsumatur’, qalet il-Ministru għal Għawdex.  Il-Ministru semmiet ukoll it-twaqqif ta’ suq tal-bdiewa f’Għawdex fejn il-bdiewa għandhom opportunità li jbigħu l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumatur.

 

 05. 03. 2013