EKONOMIJA

Is-sostenibbiltà ekonomika hi fundamentali kemm għall-iżvilupp kontinwu u kemm biex jiġi mħares b’mod adegwat il-karattru fiżiku u kulturali tal-gżira ta’ Għawdex.  L-ekonomija reġjunali ta’ Għawdex f’termini ta’ ħruġ u dħul per capita hi iżgħar minn dik tal-gżira ta’ Malta.  Ir-raġunijiet għal din id-differenza jistgħu jinkludu l-produttività tal-ħaddiem fl-ekonomija ta’ Għawdex, ir-rata ta’ dawk li jaħdmu fost dawk li huma ta’ età tax-xogħol, u l-persentaġġ tal-popolazzjoni ta’ dawk li jaħdmu fi ħdan il-popolazzjoni sħiħa ta’ Għawdex.

Għawdex hu limitat fl-attrazzjoni ta’ investiment dirett barrani, minħabba bosta raġunijiet li jvarjaw minn insularità doppja għal dak li jidher bħala żbilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-industrija u d-disponibbiltà tal-ħiliet fost il-ħaddiema tal-gżira.  Il-gżira għandha wkoll aspetti b’saħħithom li jiġbdu lejha l-investiment, partikularment fl-għamla ta’ klassi ta’ ħaddiema kompetenti u flessibbli u ta’ kwalità ta’ ħajja li b’mod ġenerali hi għolja.  Il-karatteristiċi partikulari ta’ Għawdex u l-impenn tal-Gvern li jibqa’ miexi bil-viżjoni tiegħu ta’ gżira ekoloġika jitolbu stil differenti tal-mod kif jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol fuq il-gżira.

Ggantija        diving       saltpans

F'dan ir-rigward il-Gvern jipproponi li:

• Joħloq kumpless li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, bl-infrastruttura kollha meħtieġa biex jiġbed lejh uffiċċji fis-servizzi finanzjarji, teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), u kumpaniji oħra tat-teknoloġija.

• Iwaqqaf one-stop-shop f'Għawdex fejn investituri u uffiċċjali ta' kumpaniji potenzjali jistgħu jiltaqgħu f'post wieħed mar-regolaturi, uffiċċjali tad-dipartiment tat-taxxi, uffiċċjali tax-xogħol u t-taħriġ, u l-Malta Enterprise Gozo Desk.

• Jagħmel analiżi tal-offerta u d-domanda tar-riżorsi umani f'Għawdex biex il-ħtiġijiet tal-industrija jiġu indirizzati, u tingħata aktar attenzjoni lill-promozzjoni ta' attività partikulari f'Għawdex.

• Joħloq iktar skemi u jimmodifika wħud diġà eżistenti biex jagħti lok għal diskriminazzjoni pożittiva lejn investiment f'Għawdex.

• Janalizza l-livell tal-konnettività tat-Teknoloġija tal-Informatika meħtieġa għal Għawdex biex issostni livell għoli ta' attività f'dan il-qasam.

• Imexxi studju fost l-iggradwati Għawdxin biex isib fejn qed jaħdmu l-professjonisti Għawdxin u jistabbilixxi s-servizzi jew riżorsi li għandhom x'joffru biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' Għawdex.

• Jippjana għal diversifikazzjoni ogħla ta' xogħol f'Għawdex.

 

3.1 It-Turiżmu

Għawdex hu post uniku. Jiftaħar b'kultura, storja u natura li jiddistingwuh, u fih hemm Siti ta' Wirt Dinji u oħrajn bil-potenzjal li jingħaddu ma' din il-lista ta' siti ta' importanza dinjija. Il-wirt li għandha l-gżira hu msieħeb minn pajsaġġ rurali mhux mimsus, stil ta' ħajja partikularment trankwill, nies ospitabbli, u gastronomija awtentika.

It-turiżmu hu wieħed mill-aktar oqsma b'saħħithom fl-ekonomija ta' Għawdex u jipprovdi għajn prinċipali ta' dħul li jħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja soċjali u ekonomika tal-popolazzjoni Għawdxija. Fil-passat Għawdex, flimkien ma' Malta, ġie rriklamat b'mod tradizzjonali bħala destinazzjoni "tax-xemx u l-baħar". Fl-aħħar snin saru sforzi biex Għawdex jiġi promoss bħala destinazzjoni turistika distinta u biex jinħolqu niċeċ oħra partikulari li jsaħħu s-sostenibbiltà tat-turiżmu għal Għawdex u jtaffu mill-problema tal-istaġjonalità.

It-turiżmu f'Għawdex hu kkaratterizzat prinċipalment minn żewġ oqsma: dak barrani u dak domestiku. Fil-maġġoranza ż-żjajjar internazzjonali jkunu għal ġurnata. Għawdex jiġbed lejh, iktar minn Malta, turisti li jżuruh mill-ġdid, b'40% tat-turisti jerġgħu lura Għawdex b'kuntrast mat-30% li jerġgħu lura Malta. Safrattant in-numru ta' turisti li jżuru lil Għawdex jibqa' sfida għall-gżira; dan, flimkien mal-problema kbira tal-istaġjonalità tal-industrija, qed jillimita t-tkabbir tal-investiment u l-interess ta' min ikun irid jabqad karriera professjonali fit-turiżmu. L-okkupanza fi stabbilimenti ta' akkomodazzjoni f'Għawdex tilħaq medja ta' 40% fis-sena.

L-istrateġija fil-qasam tat-turiżmu għal Għawdex għandha tinħadem b'mod li timxi id f'id mal-istrateġija ta' eko-Għawdex. Dan jitlob investiment sinifikanti f'ċerti niċeċ.

Il-Gvern jipproponi li:

• Issir analiżi tas-suq biex jindentifika l-aħjar tipi ta' laqgħat, konferenzi u incentive travel lejn Għawdex, li jkunu kompatibbli mal-viżjoni eko-Għawdex, u li jieħdu kapital mill-komponenti differenti tal-prodott tal-gżira disponibbli għal dan il-qasam.

• Joħloq l-infrastruttura għal iktar faċilitajiet ta' rmiġġi temporanji fejn jittrakkaw il-jottijiet u jissapportja s-suq tal-cruise liners, waqt li jesplora l-possibbiltajiet ta' rmiġġi oħra ġodda u permanenti.

• Iniedi u jippromovi l-websajt www.visitgozo.com.

• Iniedi mill-ġdid kampanja promozzjonali fis-suq internazzjonali li tippromovi lil Għawdex bħala destinazzjoni unika għall-għadis.

• Jiżviluppa l-branding tat-turiżmu Għawdxi skond id-direzzjoni strateġika ta' eko-Għawdex u jżid l-isforzi biex Għawdex jiġi rriklamat bħala destinazzjoni turistika distinta.

• Jinkludi tagħlim fuq it-turiżmu fil-programm skolastiku ta' eko-Għawdex (fl-iskejjel primarji u sekondarji).

• Jadotta politika ta' agro-turiżmu reġjunali speċifikament għal Għawdex bħala niċċa partikulari għall-gżira.

• Jgħin u jirriklama fuq livell internazzjonali festivals u avvenimenti kulturali ta' kwalità għolja li diġà jeżistu, bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern li jippromovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta u bħala valur miżjud għall-prodott turistiku nazzjonali.

• Jippromovi l-introduzzjoni ta' offerti ta' esperjenzi ta' sajd lit-turisti waqt li jkunu Għawdex.

 

3.2 It-Transport

Għall-Għawdxin il-kwistjoni tat-trasport mhix marbuta biss mat-trasport pubbliku fuq l-art, imma wkoll, b'mod l-aktar importanti, mat-trasport bejn iż-żewġ gżejjer. Il-Gvern jinsab fil-proċess li jirriforma t-trasport pubbliku nazzjonali bl-għan li jtejjeb is-servizz tat-trasport fuq l-art f'Malta u Għawdex. Is-servizz tal-vapur bejn iż-żewġ gżejjer tjieb sostanzjalment matul is-snin. Imma dan ma jfissirx li l-kwistjonijiet ta' insularità doppja ssolvew għal kollox.

F'Għawdex is-sitwazzjoni ta' min għandu karozza privata aktarx hi agħar minn ta' Malta, għax is-sistema tat-trasport pubbliku hi inqas popolari. Bl-għan li titjieb l-infrastruttura tat-trasport, fl-aħħar snin partijiet sostanzjali mit-toroq arterjali ġew irranġati u qed jitħejja aktar xogħol f'dan il-qasam. Madankollu hu evidenti li l-Gvern ma jistax jiddipendi għal kollox fuq soluzzjoni teknoloġika biex isolvi l-problemi eżistenti; l-"istil ta' ħajja" tas-sistema tat-trasport li teżisti llum fil-gżejjer Maltin għandu bżonn jinbidel radikalment.

• Issir sistema ta' electric cab għall-Belt Victoria.

• Joħloq zoni pedonali fl-ibliet u l-irħula biex iqajjem kuxjenza fuq il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali ta' dawn iz-zoni.

• Jintroduċi karozzi li jaħdmu bl-elettriku jew b'elementi oħra u jippromovi wkoll l-użu tal-bio-fuels bħala impenn lejn l-użu ta' sorsi alternattivi ta' enerġija għall-fini ta' trasport.