AMBJENT

 Fil-mudell kunċettwali ta' Żvilupp Sostenibbli l-ambjent jiffunzjona b'żewġ modi. Bħal fl-ambjentaliżmu, hu l-mira ta' attenzjoni u protezzjoni – hu l-oġġett ta' valur li għandna nħarsu u nħallu lil ta' warajna f'għamla aħjar. Imbagħad, fil-qafas tas-sostenibbiltà, l-ambjent hu wkoll il-propjetà ta' kulħadd mingħajr esklużjoni, u li jiddetermina l-kwalità tal-ħajja tal-poplu li jgħix fih.

Kienu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali marbuta mal-gzira ċkejkna ta' Għawdex li qanqlu l-viżjoni eko-Għawdex. Id-daqs tal-gzira joffrilna opportunità biex nimplimentaw u nikkoncentraw fuq sett ta' inizjattivi maħsuba biex jiżguraw stil ta' ħajja aħjar u iktar b'saħħtu li jkun gej minn ambjent li jsostnina.

Gozo       bajja      għalqa 

2.2.1 L-AGRIKULTURA

Għal millennji sħaħ l-agrikultura kienet waħda mill-attivitajiet soċjali u ekonomiċi l-iktar importanti tal-gzira. Is-sostenibbiltà tagħha tissokta tkabbar l-uniċità tal-identità ta' Għawdex u għandha effett dirett fuq il-pajsaġġ, ix-xogħol u l-qasam agro-turistiku.

Li nsostnu dan il-qasam hu ta' importanza kbira għall-preservazzjoni tal-karattru rurali tal-kampanja tagħna. L-agrikultura f'Għawdex tagħti valur miżjud u diversità ta' prodotti tal-ikel ta' kwalità, imkabbra b'metodi u prattiċi tradizzjonali. Imma din il-viżjoni trid ukoll tindirizza prattiċi agrikoli żbaljati, fosthom l-iżbilanċ fl-istabbiltà tan-nutrijenti, in-nuqqas ta' użu tajjeb u integrat ta' pestiċidi, ir-rimi ta' skart u l-użu bla kontroll tal-fertilizzanti, li ma jmorrux tajjeb mal-viżjoni eko-Għawdex.

Il-Gvern jipproponi li:

Jitwaqqaf Ċentru ta' Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni għall-Agrikultura f'Għawdex.

Jistudja u jinkuraggixxi l-aħjar sistemi ta' tisqija għal uċuħ tar-raba' partikulari, sistemi u metodi ġodda ta' tisqija, biex jasal għal rakkomandazzjonijiet prattiċi li jistgħu jgħinu lill-bdiewa jiksbu prodotti ta' kwalità b'użu aktar effiċjenti tal-ilma u jeduka lill-bdiewa f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħtieġa ta' ilma għall-uċuħ tar-raba' tagħhom.

Iniedi proġett biex jagħti pariri fuq l-użu sensibbli tal-pestiċidi u jara li r-reċipjenti tal-pesticidi u materjal ieħor relatat magħhom jintremew b'mod li ma jagħmilx ħsara.

 Jipprovdi pariri lill-bdiewa fuq kif jaslu għal bilanċ ekologiku fl-irziezet u l-għelieqi tagħhom, f'dak li għandu x'jaqsam ma' nutrijenti, ilma u enerġija.

Jinkuraggixxi l-bini mill-ġdid ta' ħitan tas-sejjieħ u jiskuraggixxi l-abbandun ta' artijiet billi jipprovdi inċentivi li jħajru lil min jużahom għal skopijiet agrikoli.

 

2.2.2 IL-WIRT NATURALI

Bir-raġun kollu Għawdex hu magħruf għall-wirt arkeologiku, storiku u kulturali għani tiegħu; madankollu, ma' din il-lista rridu nżidu l-wirt naturali tiegħu għax, għalkemm zgħir fid-daqs, Għawdex hu mogħni b'varjetà ta' tipi ta' ħabitat, fawna u flora differenti, u ġeologija interessanti. Dawn jagħmlu l-wirt naturali tal-gżejjer, li jistħoqqlu studju u preservazzjoni daqs il-bqija tal-patrimonju tal-pajjiz.

Elementi ta' min jinnutahom fil-wirt naturali ta' Għawdex jinkludu għadd ta' speċi u sottospeċi endemiċi ta' pjanti u annimali, fosthom xi wħud li jinsabu biss f'Għawdex, li huma ta' interess evoluzzjonarju u bijoġeograriku kbir; speċi ta' flora u fawna li huma mqassmin b'mod ristrett fil-Mediterran, fosthom xi wħud li huma mħarsa internazzjonalment; numru ta' speċi lokali rari u mhedda, li għalihom Għawdex hu fost l-aħħar ftit djar; u varjetà ta' ħabitat Mediterranji li huma varjanti lokali partikulari u li jitħalltu mal-ġeomorfologija ta' Għawdex biex jagħtu pajsaġġ li hu pjuttost uniku.

Il-Gvern jipproponi li:

Jieħu f'idejh proġetti ta' zrigħ ta' sigar biex joħloq ġonna u msaġar f'partijiet tal-gzira li huma sensittivi iżjed għall-erozjoni u jzid għall-inqas b'1% il-kopertura ta' siġar sakemm jinħolqu biżżejjed siti adattati.

Itejjeb il-faċilitajiet tal-Gvern fejn hemm siġar u pjanti ta' valur ġenetiku u jiftaħhom għall-pubbliku u r-riċerkaturi.

Inaddaf id-dieġi tal-widien mill-ħama u jikseb tnaqqis ta' għall-inqas 2% fin-numru ta' żoni tal-widien li għandhom bżonn intervent kull sena.

Jistabbilixxi l-parti tal-baħar tad-Dwejra bħala Żona Marina Speċjali ta' Konservazzjoni (SAC) u jidentifika żoni oħra simili, waqt li jibda attivitajiet reġolari ta' kontroll bl-għajnuna tal-Organizzazzjonijiet Non-Governattivi (NGOs) lokali u l-iskejjel tal-għadis.

 

2.2.3 IL-KWALITÀ TAL-ARJA

B'mod generali Għawdex igawdi minn livell tajjeb ta' kwalità tal-arja. Madankollu, zoni specifiċi fejn hemm ħafna traffiku f'ħinijiet partikulari tal-ġurnata u oħrajn li huma qrib attivitajiet ta' bini jew barrieri, ma jgawdux kwalità ta' arja daqshekk tajba.

Il-kontroll u t-titjib tal-kwalità tal-arja huma fundamentali għall-viżjoni eko-Għawdex. Ir-riċerka turi li kwalità ta' arja fqira taffettwa prinċipalment is-sistemi respiratorji u taċ-ċirkulazzjoni taddemm.  F'Għawdex l-oqsma ewlenin li jikkontribwixxu għat-tniggis tal-arja huma t-trasport u l-barrieri.

 

Il-Gvern jipproponi li:

Jipprovdi sistema efficjenti tat-trasport pubbliku f'Għawdex.

Jindirizza emissjonijiet esagerati maħluqa minn karozzi qodma, speċjalment vetturi kbar (heavy duty).

Jesplora mizuri ta' tnaqqis li jistgħu jitħaddmu mis-sidien tal-barrieri.

 

2.2.4 L-ENERGIJA

Il-produzzjoni tal-energija hi spiss assoċjata direttament mal-kunċett ta' iniżjattivi ambjentali u hi argument ieħor ċentrali fil-vizjoni eko-Għawdex. Il-produzzjoni tal-energija fil-gzejjer Maltin hi bbazata fuq iż-żejt importat minn barra. Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika li l-użu ta' energija żdiedet fl-aħħar tmien snin. Sorsi ta' energija li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u ma jniggsux jistgħu jitqiesu bħala alternattivi għaż-żejt. Għawdex, minħabba d-daqs zgħir tiegħu, jista' jkollu ħafna mill-energija tiegħu ġejja minn sorsi bħal dawn, fosthom turbini zgħar li jaħdmu bir-riħ, artijiet qrib il-baħar bi rdieden li jiggeneraw l-energija mir-riħ (wind farms), energija mill-biomass u mill-iskart, u energija mix-xemx.

Għal dan il-qasam ta' prijorità l-Gvern jipproponi li:

Jidentifika siti tajbin għal meded zgħar ta' art qrib il-baħar bi rdieden li jiġġeneraw l-enerġija mir-riħ, u dan b'numru limitat ta' turbini.

Juża l-bjut ta' binjiet pubbliċi u spażji oħra, bħalma huma postijiet pubbliċi għall-parkeġġ tal-karozzi, għal proġetti ta' tiġdid tal-energija li jinvolvu l-enerġija mix-xemx.

Jistalla iżjed pannelli solari fil-Ministeru għal Għawdex permezz ta' spejjez iffrankati mill-kontijiet tad-dawl permezz tas-sitema ta' fotovoltajċi li diġà teżisti fuq dan il-bini.

Jagħmel verifika tal-energija (energy audit) fil-binjiet pubbliċi kollha, inkluż iċ-Ċentru Amministrattiv ta' Għawdex.

Jibdel is-sistemi kollha tad-dawl f'uffiċċji u postijiet pubbliċi ma' dawl li jiffranka l-enerġija (energy-saving).

Jipprovdi konsultazzjoni b'xejn lil kulmin irid jagħmel bidliet f'daru biex ikun iżjed effiċjenti fl-energija li juża.

Jippremja bi "Green Award" lil kumpaniji, djar, irħula u toroq impenjati li jiffrankaw l-energija.

 

2.2.5 L-ILMA

L-istagun tax-xita fil-gżejjer Maltin hu meqjus li jibda f'Settembru. Minbarra x-xhur bejn Mejju u Awwissu, il-medja ta' kemm għamlet xita f'Għawdex fl-aħħar għoxrin sena hi ta' 68.88mm. Għaldaqstant l-ilma frisk hu skars ħafna fuq il-gzira u għalhekk għandu jitħares l-użu efficjenti ta' din ir-riżorsa għal skopijiet domestiċi, industrijali u agrikoli. Il-vizjoni tindirizza l-ħarsien u l-użu aħjar ta' dan l-ilma u aktarx hi waħda mill-aktar miżuri diffiċli biex titwettaq.

Il-Gvern jipproponi li:

Jidentifika żoni fejn jistgħu jinbnew ġibjuni biex jiġbru fihom l-ilma tax-xita u jevita l-għargħar.

Jippromovi l-ġbir u l-użu tal-ilma tax-xita fid-djar u jinkuraggixxi l-implimentazzjoni ta' sistemi għall-użu mill-ġdid ta' ilma, waqt li jqassam lil kull dar tagħmir apposta biex jinġabar l-ilma.

Jippromovi l-użu ta' ilma prodott mit-trattament tad-drenaġġ għal użu sekondarji bħall-agrikultura, landscaping u l-industrija.

Jistudja l-aħjar użu tal-ilma fl-agrikultura permezz tal-proġett taċ-Ċentru ta' Riċerka għall-Agrikultura.

Jirrestawra gibjuni fiċ-Ċentru Amministrattiv u fiċ-Ċentru ta' Riċerka għall-Agrikultura.

 

2.2.6 L-ISKART

Il-politika tal-immaniggjar tal-iskart f'Malta toħrog mid-dokument A Solid Waste Management Srategy for the Maltese Islands, ippubblikat mill-Gvern f'Ottubru 2001. Il-miżuri jinkludu: żvilupp sostenibbli, prinċipji ta' sostenibbiltà u awtosuffiċjenza, il-prinċipju prekawzjonarju, il-prinċipju ta' "min inigges iħallas", ġerarkija tal-iskart (prevenzjoni jew tnaqqis tal-iskart, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, irkuprar, rimi), l-aħjar għazla prattikabbli għall-ambjent, u responsabbiltà ta' min jipproduċi.

Ir-Revizjoni tal-Istrategija tal-2001, li kienet ippubblikata bħala dokument ta' konsultazzjoni f'Jannar 2009, tagħraf li Għawdex għandu dimensjoni strategika biex iservi ta' żona pilota, fejn progetti jistgħu jitwettqu u mbagħad jigu mtennija f'Malta. F'dan ir-rigward strategiji innovattivi ta' skart se jitħaddmu f'Għawdex fid-dawl tal-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' negozju, waqt li jtejbu wkoll id-dehra ta' Għawdex bħala destinazzjoni turistika u l-awtosuffiċjenza tiegħu mill-perspettiva tal-immaniggjar tal-iskart.

 

Il-Gvern jipproponi li:

Il-Ministeru għal Għawdex, il-Wasteserv u l-kunsilli lokali jaħdmu flimkien biex ikabbru l-volum ta' skart riċiklat miġbur f'Għawdex għal mira 'l fuq minn dik stabbilita għal-livell nazzjonali.

Jitwaqqaf impjant ta' trattament bijologiku mekkaniku għat-trattament ta' skart u demel solidu f'kull raħal.

Mill-iskart jigi prodott kompost għall-użu fl-agrikultura u/jew fi progetti ta' landscaping.