IS-SOĊJETÀ

 L-Iżvilupp Sostenibbli bilkemm jista' jitqies sostenibbli jekk ma jirriżultax f'titjib tanġibbli u li jħalli frott fit-tul fil-kwalità tal-ħajja. Eko-Għawdex hu opportunità biex nintegraw iżjed l-edukazzjoni, is-saħħa, il-familja u l-atturi soċjali kollha bl-għan aħħari li niżviluppaw soċjetà li hi inklużiva għal kulħadd.

Is-soċjetà Għawdxija fil-parti l-kbira tagħha se jkollha sehem fundamentali fil-bidla li hemm bżonn issir u fit-titjib meħtieġ biex il-proġett tal-gżira ekoloġika jirnexxi. Il-viżjoni kbira u l-impenn lejn bidla li dehru fil-konsultazzjoni pubblika issa jridu jissarrfu f'azzjoni għall-implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet li qed tagħti din il-viżjoni u l-iżvilupp kontinwu tal-idea ta' eko-Għawdex.

treckking        gozo general hospital       Picture1

 2.1 L-Edukazzjoni

L-istituzzjonijiet edukattivi f'Għawdex għandhom sehem vitali fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-gżira. Waqt li l-livelli kollha sal-iskola sekondarja jipprovdu l-edukazzjoni bażika lit-tfal u ż-żgħażagħ, huma l-MCAST, l-iskejjel post-sekondarji u l-Università (kemm jekk f'Malta u kemm jekk f'Għawdex) li jipprovdu l-ħiliet u l-edukazzjoni għall-karrieri. L-MCAST hu essenzjali biex jipprovdi taħriġ fil-ħiliet, waqt li l-campus fl-Università f'Għawdex hemm bżonn li jsir estensjoni dejjem iżjed b'saħħitha u viżibbli tal-Università ta' Malta f'Għawdex, u jissokta jkun forza rilevanti fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' Għawdex.

Waqt li t-tagħrif fuq eko-Għawdex fil-livelli primarji u sekondarji jiffaċilita l-kisba ta' viżjoni ta' eko-Għawdex mill-perspettiva ambjentali, l-edukazzjoni post-sekondarja hi l-kolonna għall-qafas sostenibbli ekonomiku u soċjali fit-tul.

F'dan il-qasam ta' prijorità l-Gvern jipproponi li:

• Iwaqqaf f'xi zona rurali ċentru edukattiv permanenti tax-xjenza ambjentali.

• Jinħoloq forum permanenti bejn il-Ministeru għal Għawdex, l-Università ta' Malta, il-Malta Enterprise, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, u istituzzjonijiet edukattivi f'Għawdex, bl-għan li jippjana għad-domanda ta' riżorsi umani fil-futur.

• Iwaqqaf programm permanenti ta' tagħrif lil guidance teachers f'Għawdex biex iżommhom aġġornati fuq l-istrateġija tal-Gvern għal Għawdex fuq il-ħolqien ta' impjiegi ġodda.

• Jgħarraf u jaġġorna l-career teachers fuq il-ħtiġijiet fis-suq tax-xogħol, l-istrateġija nazzjonali tax-xogħol kif ukoll il-korsijiet edukattivi u ta' taħriġ li huma disponibbli.

• Jiżviluppa l-faċilitajiet tal-MCAST u jespandi l-offerti ta' korsijiet li għandu f'Għawdex.

• Itejjeb l-infrastruttura teknoloġika biex jiffaċilita l-użu tal-internet f'Għawdex u t-tixrid ta' aċċess pubbliku usa' tal-Wi-Fi.


2.2 Is-saħħa

Għawdex hu impenjat li jimplimenta l-Istrateġija Ewropea tas-Saħħa 2004-2010, li tippreżenta viżjoni li trid tindirizza b'mod iktar integrat aspetti ambjentali u dawk tas-saħħa. L-għan tal-Gvern Malti fit-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-popolazzjoni ta' Malta u Għawdex hu:

"biex iżid is-saħħa lill-ħajja billi jkabbar in-numru ta' snin li ngħixu bla mard, inaqqas l-effetti negattivi tal-mard u d-diżabbiltà, jippromovi stili ta' ħajja u ambjenti fiżiċi u soċjali b'saħħithom, u fuq kollox itejjeb il-kwalità tal-ħajja".

Il-viżjoni eko-Għawdex se tfittex li tgħin fil-ġlieda u l-prevenzjoni ta' kundizzjonijiet li jaffettaw il-popolazzjoni Għawdxija, bħall-obeżità, it-tipjip, u l-abbuż tal-alkoħol u sustanzi oħra.

Il-Gvern jipproponi li:

• Ifassal Master Plan għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni għall-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin.

• Jaqleb għal verżjoni diġitali r-reġistri mediċi fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.

• Itejjeb il-kapaċità fil-promozzjoni tas-saħħa f'Għawdex u jniedi kampanja ta' għarfien fuq l-ikel tajjeb u s-saħħa.

• Jibda programm ta' intervent għal tfal bi problemi jew f'riskju tal-obeżità.

• Iwaqqaf, f'kollaborazzjoni ma' operaturi fil-gżira, grupp ta' ħidma f'Għawdex li jikkontrolla, jippjana u jimplimenta strateġiji nazzjonali fuq l-abbuż tal-alkoħol u sustanzi oħra.

• Itejjeb l-attivitajiet ta' promozzjoni tas-saħħa u jsaħħaħ il-kuxjenza permezz tal-internet fuq l-abbuż tas-sustanzi u l-alkoħol.

 

2.3 L-Isport

Fi qbil mal-Medium Strategic Plan for enhancing Sport Culture in Malta 2007-2010, wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-istrateġija eko-Għawdex hu l-kisba ta' kwalità ta' ħajja aħjar. Hu fatt magħruf permezz ta' bosta sorsi ta' riċerka li dieta b'saħħitha flimkien ma' attività fiżika adegwata jistgħu jħarsu lill-bniedem mill-fatturi prinċipali ta' riskju fl-iżvilupp ta' ħafna mard. L-attività fiżika hi waħda mill-pedamenti ta' stil ta' ħajja aħjar.

F'Għawdex il-futbol hu l-unika attività sportiva li hi żviluppata tajjeb u b'mod strutturat. Jeżisti stadium tal-futbol, kif ukoll il-Gozo Football Association li hi affiljata mal-Malta Football Association, u bosta klabbs u nurseries tal-futbol fuq livell lokali. Klabbs u assoċjazzjonijiet oħra uffiċjali jippromovu forom oħra ta' sport, fosthom il-Billiards u l-iSnooker, l-Atletika, il-boċċi, it-tiġrijiet taż-żwiemel, il-Baseball u l-Waterpolo.

Barra minn dawn il-klabbs u assoċjazzjonijiet uffiċjali, inizjattivi jew strutturi oħra ta' sport jinkludu ħames fitness centres żgħar, Skola Sport u l-Kumpless Sportiv tas-Seminarju ta' Għawdex.

Il-Kumpless Sportiv ta' Għawdex, li hu f'idejn il-Gvern, infetaħ lejn l-aħħar tas-snin tmenin u jinsab qrib ħafna tal-iskejjel sekondarji u post-sekondarji tal-gżira.

Il-Gvern jipproponi li:

• Jiżviluppa pixxina pubblika interna, li tagħmel użu sinifikanti minn enerġija rinnovabbli.

• Joħloq rotta uffiċjali madwar Għawdex li tkun tista' tiġi rriklamata għall-mixi kemm f'Għawdex u kemm barra mill-gżira.

• Jidentifika u jwaqqaf siti tajbin għall-ikkampjar f'Għawdex.

• Issir kampanja promozzjonali għal stil ta' ħajja b'saħħtu fl-iskejjel kif ukoll permezz tal-mobilizzazzjoni ta' leaders fil-komunità, partikularment permezz tal-programm skolastiku ta' eko-Għawdex li jippromovi wkoll l-importanza ta' attivitajiet rikreattivi għat-tfal.


2.4 Aspetti Settorjali

Id-dokument tal-viżjoni eko-Għawdex jenfasizza wkoll numru ta' oqsma, li huma t-tfal, il-familji, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltà u l-anzjani.

Is-sehem tal-familja hu s-sinsla tas-soċjetà, speċjalment għax il-familji jsawru lit-tfal tal-lum u lill-adulti ta' għada. Il-Gvern hu ddeterminat li jindirizza aħjar il-kundizzjonijiet li jaffettwaw lill-familji b'mod dirett, biex b'hekk il-familja Għawdxija tkun f'qagħda aħjar li tipprovdi l-ambjent soċjali adegwat lill-membri tagħha u lil dawk li jiddipendu minnha, għall-ġid kollettiv tas-soċjetà.

Is-sehem taż-żgħażagħ hu fundamentali sabiex minn attitudni ta' "reazzjoni għall-isfidi ambjentali" ngħaddu għal waħda pro-attiva lejn il-kisba ta' sostenibbiltà. Wieħed mill-eżempji ta' dan hu l-kontribut lejn bilanċ ekoloġiku permezz ta' teknoloġija u prattiċi ta' negozju li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Hu għalhekk li l-viżjoni eko-Għawdex tqis liż-żgħażagħ bħala l-fus tal-implimentazzjoni ta' din il-viżjoni. Fl-aħħar nett, din il-viżjoni tilħaq is-suċċess mixtieq jekk jirnexxilna nibdew inħarsu lejn l-ambjent b'mod ġdid, mod iktar wiesa' u responsabbli li jsir parti integrali mir-realtà soċjali Għawdxija kif ukoll minn ħajjet iż-żgħażagħ bil-bosta dimensjonijiet tagħha.

Il-qasam tad-diżabbiltà f'Għawdex diġà hu mgħammar b'servizzi ta' appoġġ ġejjin kemm mill-qasam privat u kemm minn dak pubbliku, imma aktar azzjoni hi meħtieġa f'dan il-qasam biex jitjiebu kemm il-kwalità tal-ħajja u kemm l-inklużjoni ta' aktar persuni li jbatu minn diżabbiltajiet ta' livelli differenti. 2.5% biss tan-nies li jgħixu Għawdex jitwieldu b'diżabbiltà, u r-rata tad-diżabbiltà tiżdied bl-età. Din il-viżjoni tfittex li tindirizza l-kundizzjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn il-persuni, biex tgħinhom jintegraw ruħhom iktar fis-soċjetà u jgawdu l-benefiċċji kollha li toffri, u hekk tkun tippromovi, fil-qafas tal-viżjoni eko-Għawdex, soċjetà li tindokra lil kulħadd.

Il-Gvern jipproponi li:

• Jintroduċi l-proġett Homestart għal familji vulnerabbli f'Għawdex.

• Jipprovdi iktar faċilitajiet ta' childcare f'Għawdex, faċilitajiet ta' min jieħu ħsieb it-tfal fid-dar stess, programmi wara l-ħin tal-iskola u faċilitajiet simili għal waqt il-btajjel.

• Jikkonsolida s-servizzi tal-ħarsien tat-tfal f'Għawdex u jevalwa l-introduzzjoni ta' Fondazzjoni tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali f'Għawdex.

• Iwaqqaf f'Għawdex kunsill reġjunali taż-żgħażagħ.

• Joħloq rwol għaż-żgħażagħ biex jappoġġja l-ħolqien ta' komunitajiet sostenibbli f'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali.

• Jikkontrolla l-konsum ta' alkoħol u tabakk f'Għawdex minn persuni taħt l-età.

• Jestendi l-għażla ta' servizzi offruti mill-One-Stop-Shop tal-Adult Training Centre biex jipprovdi s-servizzi regolari tal-Gvern b'mod iktar effettiv.

• Jiżviluppa faċilitajiet iktar adattatti għal persuni b'diżabbiltà fuq www.eco-gozo.com u websajts oħra tal-Ministeru għal Għawdex.

• Jiżviluppa servizzi ġodda, anki fuq bażi volontarja, bħala servizz lill-anzjani li huma fir-riskju ta' esklużjoni soċjali.

• Jgħarraf lil dawk li għadhom kemm ħarġu bil-pensjoni b'possibbiltajiet fejn jistgħu jagħtu servizz volontarju.