L-IDENTITÀ U L-KULTURA

Il-gżejjer huma magħrufin bħala inkubaturi speċjali ta’ identità qawwija u karattru kulturali partikulari.  Għawdex mhux b’inqas – din il-gżira tiftaħar b’wirt kulturali b’saħħtu u b’valur għoli ta’ prodott kulturali.  Il-popolazzjoni tagħha għandha identità b’saħħitha ġejja mill-fatt li tgħix fuq gżira, u li għalhekk tagħti lil din il-popolazzjoni – li bilkemm tlaħħaq it-30,000 – karattru li jmur lil hemm miċ-ċifri demografiċi jew id-daqs tal-gżira.

Il-kultura, il-wirt u l-identità tal-gżira ta’ Għawdex jeħtieġ li jitħarsu.  Iktar minn hekk, fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, huma jridu li jkollhom sehem sinifikanti fl-iżvilupp tal-potenzjal kbir tan-nies li jgħixu fuq il-gżira, u jiġbdu turiżmu ta’ kwalità lejn il-gżira.

L-identità partikulari ta’ Għawdex dejjem kienet dik li għamlet lill-gżira daqshekk attraenti għal residenti barranin, dawk li jżuruha għal jum wieħed biss u l-bqija tat-turisti.  Mhix wisq bogħod mill-identità Maltija, imma sadattant hi tabilħaqq Għawdxija fl-għamla tagħha.  Safrattant, Għawdex ma jeżistix f’xi vacuum, u għalkemm l-istil ta’ ħajja tal-Għawdxin dejjem kien il-fus tas-suq turistiku, il-kultura moderna u mgħaġġla bilmod bdiet toħloq theddida serja għal xi karatteristiċi partikulari u għal drawwiet u tradizzjonijiet awtentiċi tal-irħula.  Hu f’dan l-ispirtu li l-viżjoni eko-Għawdex tfittex li tippreserva l-identità Għawdxija waqt li ttejjeb id-drawwiet qodma tal-ħajja rurali ta’ Għawdex li bihom qatt ma saret ħsara lill-ambjent.  Dan, flimkien man-nisġa kulturali għanja u l-imħabba lejn l-arti, se jkollu l-appoġġ kollu tal-istrateġija eko-Għawdex.

IMG_6551_copy       lace      xlendi cliffs

4.1 Il-Kultura u l-Arti

Il-kreattività hi l-pedament għall-iżvilupp u l-maturità ta' kull kultura. L-għan f'dak li għandu x'jaqsam ma' Għawdex għandu jkun li nikkonċentraw fuq il-kwalità tal-kontenut kulturali, biex inkunu kapaċi – permezz tal-varjetà kulturali li toffri l-gżira – insebbħu l-esperjenza ta' min iżur lil Għawdex b'mod li din tistagħna, u noħolqu attrazzjonijiet ta' kwalità għall-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti.

Għawdex jiftaħar b'xena ta' arti kreattiva li, per capita, aktarx tisboq lil dik tal-gżira ewlenija. Il-gżira tiftaħar ukoll b'artisti ta' livell għoli, li n-numru tagħhom f'popolazzjoni żgħira bħal din jissorprendi. Jeżisti fuq il-gżira Kunsill tal-Kultura għal Għawdex bl-għan li jippromovi politika kulturali għal Għawdex. Hemm bżonn li l-avvenimenti kulturali li jsiru f'Għawdex jiġu rriklamati aħjar u l-Gvern għandu jibda jipprovdi iktar fondi biex l-avvenimenti kulturali li diġà jeżistu jintużaw ħalli jippromovu lil Għawdex bħala destinazzjoni ta' kwalità.

Il-Gvern jipproponi li:

• Jippromovi l-identità kulturali ta' Għawdex permezz ta' kampanji ta' għarfien.

• Joħloq f'Għawdex programm ta' avvenimenti kulturali għas-sena kollha, l-iżjed fix-xhur tax-Xitwa.

• Jippromovi lil www.gozoculture.com bħala sit elettroniku kulturali f'websajts oħra bħal www.visitmalta.com, www.visitgozo.com, www.islandofgozo.org, www.gozo.gov.mt u www.eco-gozo.com.

• Jorganizza u jappoġġja attivitajiet kulturali, mużikali, teatrali u letterarji f'siti storiċi, li jaqblu mal-valuri ta' konservazzjoni mitluba minn dawn is-siti.

 

4.2 Il-Wirt Kulturali

Għawdex għandu wirt kulturali enormi, uniku u għani, kważi b'mod li ħadd ma jistenna, u li jmur lura għal madwar 7000 sena. Iċ-ċiviltajiet differenti li okkupaw lill-gżejjer Maltin influwenzaw lill-kultura Għawdxija li żviluppat karatteristiċi uniċi li jvarjaw mil-lingwa għall-gastronomija u l-istil ta' ħajja, għal prodotti maħduma bl-idejn u siti arkeoloġiċi. Il-postijiet storiċi bħalissa qed jintużaw l-iżjed għal mawriet u żjajjar minn dawk interessati fl-istorja. Hemm bżonn li tintlaħaq udjenza iktar wiesgħa. Postijiet storiċi jistgħu jintużaw għal attivitajiet rikreattivi li sintendi jixirqu lill-postijiet infushom u l-karattru partikulari tal-madwar.

Il-Gvern jipproponi li:

• Jimplimenta l-ħidma meħtieġa kif indikata fil-Master Plan għaċ-Ċittadella b'riferenza għar-restawr.

• Joħloq rotta li tesponi l-wirt Preistoriku fix-Xagħra.

• Jieħu inizjattivi biex jippromovi l-kultura Preistorika Għawdxija fuq livell internazzjonali.

 

4.3 Il-Qasam tal-Volontarjat

Ix-xogħol volontarju f'Għawdex hu riżorsa prezzjuża. Il-livell għoli ta' sehem fil-volontarjat fuq il-gżira hu wieħed mill-karatteristiċi li jagħżlu lis-soċjetà Għawdxija. Kemm jekk jaħdmu fuq bażi individwali, u kemm jekk fi gruppi li għandhom struttura informali jew f'oħrajn li għandhom struttura formali, dawk li joffru servizz fuq bażi volontarja jagħtu sehem vitali, anki jekk mhux dejjem rikonoxxut, fil-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva, l-apprezzament tal-wirt kulturali u naturali, u t-tradizzjonijiet u l-valuri qodma tal-gżira.

Wieħed iħares lejn il-qasam tal-volontarjat u tal-Organizzazzjonijiet Non-Governattivi f'Għawdex bħala wieħed b'saħħtu, li jipprovdi opportunitajiet uniċi għal kwalità ta' ħajja aħjar fil-gżira, partikularment fid-dawl ta' servizzi jew attivitajiet fejn iż-żieda fl-effiċjenza tal-produzzjoni kif ukoll fl-ammont tal-produzzjoni tipprojbixxi l-iżvilupp tagħhom fuq bażi kummerċjali.

Din il-viżjoni tirrikkmanda l-esplorazzjoni ta' partnerships bejn is-settur pubbliku u dak volontarju, u l-għoti ta' assistenza lil gruppi jew organizzazzjonijiet ta' volontarjat, biex Għawdex jikseb l-ogħla benefiċċju mill-esperjenzi u r-riżorsi umani għad-dispożizzjoni fil-qasam tal-volontarjat.

Il-Gvern jipproponi li:

• Jinkuraġġixxi l-ħolqien ta' gruppi ta' appoġġ għall-faxex vulnerabbli tal-popolazzjoni, waqt li jkompli jappoġġja dawk li diġà jeżistu.

• Jappoġġja u jiffaċilita s-servizzi pprovduti mill-Organizzazzjonijiet Non-Governattivi u gruppi informali ta' volontarjat li jipprovdu servizzi lil gruppi vulnerabbli.

• Iħeġġeġ persuni barranin residenti f'Għawdex biex jikkontribwixxu fl-implimentazzjoni ta' aspetti tal-viżjoni eko-Għawdex.