Kikku jibda jżur l-istudenti fl-iskejjel f’Għawdex

Kikku, il-karattru mniedi mill-Ministeru għal Għawdex, biex ikun il-vuċi tat-tfal għal eko-Għawdex, beda l-mawra tiegħu fl-iskejjel primarji kollha ta' Għawdex. Dawn il-laqgħat qed iservu bħala introduzzjoni ta' dan il-karattru simpatiku fost it-tfal li jattendu 11-il skola primarja tal-Gvern u 4 oħra tal-knisja f'Għawdex. B'hekk fi ftit ġimgħat Kikku ser ikun iltaqa' mal-ġenerazzjoni ż-żgħira fi ħdan is-soċjetà Għawdxija li tirrapreżenta wkoll il-futur tal-gżira.

Kikku starts visiting schools

Dan wara li aktar kmieni dan ix-xahar, Kikku, kien preżentat f'attività organizzata fir-Rabat Għawdex, li fiha pparteċipaw madwar 500 student li kienu qed jirrappreżentaw l-iskejjel rispettivi tagħhom. Dakinhar l-istudenti laqgħu lil Kikku bi ħġarhom fost arja ta' ferħ u tixjir ta' bnadar ikkuluriti b'messaġġi edukattivi relatati mal-viżjoni eko-Għawdex. L-attività kienet tinkludi wkoll wirja li turi t-tpinġijiet, kitbiet u ideat li nġabru mit-tfal Għawdxin waqt il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika f'eżerċizzju estensiv li sar fl-iskejjel kollha fi ħdan il-Kulleġġ ta' Għawdex kif ukoll fl-iskejjel tal-Knisja. It-tpinġijiet u l-kitbiet tat-tfal ġew riprodotti b'mod kreattiv u kkulurit li ġie kkumplimentat minn xenarju naturali tipiku li joffri dehra mhux tas-soltu fis-Sala tal-Ministeru għal Għawdex.

Kikku huwa inizjattiva oħra marbuta mal-pjan ta' azzjoni eko-Għawdex fir-rigward tal-qasam edukattiv. Inizjattiva oħra kienet dik ta' pakkett ta' riżorsi dwar temi marbuta ma' żvilupp sostenibbli għall-għalliema, li beda jintuża matul din is-sena skolastika. Permezz ta' dan, it-tfal li jattendu skejjel f'Għawdex qed isegwu lezzjonijiet li ġew imfassla bil-għan li jedukaw u jkabbru l-għarfien tat-tfal fl-oqsma tal-ambjent u żvilupp sostenibbli. Barraminhekk, għat-tieni sena konsekuttiva l-istudenti kollha f'Għawdex ingħataw kalendarju b'temi relatati mal-viżjoni eko-Għawdex li jinkludu messaġġi dwar prattiċi tajbin li t-tfal għandhom jeżerċitaw fil-ħajja ta' kuljum biex jgħixu kwalità ta' ħajja aħjar. It-tfal Għawdxin qed jipparteċipaw ukoll fi programm ta' attivitajiet fiżiċi waqt il-ħin tal-iskola.

Fil-ġimgħat li ġejjin Kikku mistenni jaqsam il-fliegu sabiex jiltaqa' wkoll ma' tfal Maltin.

DOI – 23.02.2011

Għafas hawn biex tara il-Programm ProjectNews fejn ittratta t-tnedija tal-Karattru Kikku li xxandar fuq TVM fis-17 ta' Frar 2011.

Kikku visiting schoolsKikku visiting schools  Kikku visiting schools